TERMINI U KUNDIZZJONIJIET ĠENERALI TAL-KOMPETIZZJONIJIET
1. TERMINI U KUNDIZZJONIJIET
1.1 Meta tidħol għal xi waħda mill-kompetizzjonijiet tagħna (“Kompetizzjonijiet”) li jkunu qed jiġu promossi mill-RTK 103FM (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “aħna”), int tkun qed taqbel li tintrabat b’dawn it-termini u kundizzjonijiet (minn hawn ’il quddiem imsejħa “Termini Ġenerali”) u dawk ir-regoli speċifiċi li jkunu applikabbli għal xi kompetizzjoni partikolari (“Regoli Speċifiċi”).
1.2 Ċerti Kompetizzjonijiet jista’ jkollhom ukoll it-termini u kundizzjonijiet tagħhom li japplikaw esklussivament għal tali kompetizzjoni partikolari. Dawn it-termini u kundizzjonijiet speċifiċi (“Regoli Speċifiċi”) jistgħu jinkludu dettalji bħal kif għandek tagħmel biex tieħu sehem, id-dati tal-ftuħ/għeluq u x’tip ta’ premju jista’ jintrebaħ. Tali termini u kundizzjonijiet speċifiċi għal xi kompetizzjoni partikolari jiġu pprovduti permezz tal-midja rilevanti bħala parti mill-promozzjoni fuq ir-radju jew stampata ta’ dik il-Kompetizzjoni partikolari.
1.3 Għalhekk inti għandek taqra dawn it-Termini Ġenerali flimkien ma’ dawk ir-Regoli Speċifiċi li jistgħu jkunu applikabbli. Meta jkun hemm xi konflitt bejn tali Regoli Speċifiċi u dawn it-Termini Ġenerali, ir-Regoli Speċifiċi jieħdu preċedenza.
1.4 Aħna nistgħu nibdlu dawn it-Termini Ġenerali f’kull ħin. Int għandek tiċċekkja l-websajt tagħna b’mod regolari biex tkun taf bil-bidliet li jista’ jkun hemm li jkunu japplikaw mill-mument li jittellgħu fuq is-sit. Jekk nagħmlu xi tibdil sinjifikanti f’dawn it-Termini Ġenerali nieħdu miżuri xierqa biex niġbdulek l-attenzjoni għalihom (per eżempju billi ntellgħu avviż ta’ tali bidla f’post prominenti fil-Websajt, flimkien mat-termini u kundizzjonijiet mibdulin jew billi ninfurmawk fuq ir-radju). Hija r-responsabbiltà tiegħek li tiċċekkja dawn it-Termini u Kundizzjonijiet u l-Politika dwar il-Privatezza minn żmien għall-ieħor biex tiżgura ruħek li taqbel magħhom, u l-fatt li tagħmel użu mill-Websajt u tipparteċipa f’xi Kompetizzjoni jittieħed bħala konferma li int taqbel mat-tibdil fit-Termini u Kundizzjonijiet u l-Politika dwar il-Privatezza.
2. L-IDENTITÀ TAL-PROMUTUR TAL-KOMPETIZZJONI
2.1 Il-“promutur” tal-Kompetizzjoni huwa l-persuna legalment responsabbli biex iħaddimha. Sakemm ma jingħadx mod ieħor f’xi Termini Speċifiċi, il-Promutur tal-Kompetizzjonijiet ikun l-RTK 103 FM (“il-Promutur”).
3. REGOLI TA’ ELIĠIBILITÀ GĦALL-KOMPETIZZJONIJIET TAGĦNA
3.1 Sakemm ma nimponux xi limitu partikolari ta’ età għal xi waħda mill-Kompetizzjonijiet tagħna, huma jkunu miftuħin għall-persuni kollha li jkunu residenti f’Malta fid-data li fiha jidħlu għall-kompetizzjoni. Aħna nirriżervaw id-dritt li nesiġu li l-ġenituri jew il-kustodji ta’ xi persuna li jkollha 18-il sena jew inqas jikkonfermaw bil-miktub li jaċċettaw li jintrabtu b'dawn it-termini u kundizzjonijiet u li jaċċettaw kwalunkwe premju f'isem rebbieħ/a ta' taħt it-18-il sena.
3.2 Ċerti Kompetizzjonijiet jista’ jkollhom ħtiġijiet addizzjonali dwar l-eliġibilità, bħal passaporti validi, viżi, liċenzji tas-sewqan, saħħa fiżika tajba, u oħrajn. Tali ħtiġijiet addizzjonali dwar l-eliġibilità jitħabbru lill-konkorrenti fit-termini u kundizzjonijiet tal-Kompetizzjoni rilevanti.
3.3 Meta l-Kompetizzjonijiet ikunu miftuħin għat-tfal (ta’ 15-il sena jew inqas) u/jew għaż-żgħażagħ (ta’ 16 jew 17-il sena), il-ħtiġijiet dwar l-età jitħabbru lill-konkorrenti tal-Kompetizzjoni rilevanti.
3.4 Għandna d-dritt esklussiv li niddeċiedu jekk xi ħtieġa dwar l-eġibilità tkunx ġiet sodisfatta u nistgħu nitolbu prova jew konferma mill-konkorrenti qabel ma nikkonsenjaw il-premjijiet.
3.5 L-impjegati tal-Promutur u l-qrabat viċini tagħhom ma jistgħu jieħdu sehem fl-ebda Kompetizzjoni: lanqas ma jistgħu jieħdu sehem l-impjegati ta’ xi terzi persuni li jisponsorjaw il-Kompetizzjoni, dawk li jipprovdu l-premjijiet jew il-qraba viċini tagħhom.
4. PARTEĊIPAZZJONI U METODI TA’ PARTEĊIPAZZJONI
4.1 Ismijiet: Il-parteċipanti jistgħu jidħlu għall-Kompetizzjonijiet taħt isimhom uffiċjali. Nirriżervaw id-dritt li niskwalifikaw lil kull konkorrent li juża aktar minn isem wieħed u li nitolbu r-restituzzjoni ta' kull rigal li jistgħu jkunu rebħu.
4.2 Konkorrenzi Doppji. Sakemm ma jkunx hemm xi Termini Speċifiċi li jippermettu dan, l-ebda persuna ma tista' tidħol għal xi Kompetizzjoni aktar minn darba, u l-ebda parsuna ma tista’ tidħol jew tipparteċipa bħala parti minn sindikat jew f’isem xi persuna oħra, sindikat, grupp, soċjetà jew kumpanija.
4.3 Meta tipparteċipa f’xi kompetizzjoni tkun qed tiddikjara li t-tagħrif sottomess huwa veru, aġġornat u komplet.
5. PREMJIJIET
5.1 Kull kompetizzjoni jkollha premju speċifiku li jingħata lill-individwu magħżul skond it-Termini Ġenerali u/jew it-Termini Speċifiċi. Nirriżervaw id-dritt li nibdlu l-premjijiet oriġinalment indikati ma’ premjijiet li aħna nqisu li huma ta’ valur simili jew ekwivalenti. Ma noffru l-ebda alternattiva fi flus kontanti għal premjijiet li ma jikkonsistux fi flus kontanti, u r-rebbieħa huma obbligati li jaċċettaw il-premjijiet fil-forma li fiha jiġu offruti. Meta l-premju jintrebaħ minn persuna ta’ inqas minn 18-il sena, nirriżervaw id-dritt li nagħtu l-premju lill-ġenituri jew il-kustodji tar-rebbieħ f’isem ir-rebbieħ.
5.2 Aħna niżguraw li r-rebbieħa jitħabbru fl-edizzjoni li jkun imiss tal-programm wara l-konklużjoni tal-kompetizzjoni jew, fil-każ ta’ xi kompetizzjoni konkluża fi tmiem skeda ta’ programmi, matul l-aħħar programm ta’ dik l-iskeda. Il-premjijiet jingħataw lir-rebbieħ fi żmien xahar kalendarju mit-tħabbir tar-rebbieħ/a tal-kompetizzjoni.
F’każ ta’ kompetizzjonijiet mhux relatati direttament max-xandiriet, ir-rebbieħa kollha jiġu avżati li jkunu rebħu xi premju fi żmien tmienja u għoxrin (28) jum mid-data tal-għeluq tal-Kompetizzjoni jew bil-miktub, jew bil-posta elettronika jew bit-telefown.
5.3 Nirriżervaw id-dritt li nitolbu prova tal-identità u tal-indirizz tar-rebbieħ/a permezz tal-karta tal-identità jew xi dokument simili (passaport, liċenzja tas-sewqan, kont tad-dawl/ilma). F’każ li r-rebbieħ ma jkunx f’qagħda li jipprovdi prova tal-identità li aħna nqisu raġonevolment aċċettabbli, aħna nirtiraw il-premju u nagħżlu rebbieħ ieħor.
5.4 Il-premjijiet kollha huma soġġetti għad-disponibilità, mhux trasferibbli u ma jistgħux jinbidlu. Meta l-premjijiet ikunu jikkonsistu f’biljetti tad-dħul, attendenza għal xi avveniment, vaganzi u benefiċċji simili marbutin ma’ xi żmien partikolari, iridu jintużaw fid-dati li nispeċifikaw aħna. Jekk xi rebbieħ ma jiħux xi element tal-premju jew parti minnu fiż-żmien stipulat minna (jew minn xi terza persuna rilevanti li tipprovdi l-premju), dak l-element tal-premju jew parti minnu tintilef mir-rebbieħ. Ma jingħataw l-ebda flus kontanti jew xi premju alternattiv minflok dak il-premju jew xi parti minnu.
5.5 Kwalunkwe taxxa dovuta bħala riżultat tal-għotja tal-premju tkun ir-responsabbiltà esklussiva u assoluta tar-rebbieħ. F’każ ta’ dubju, ir-rebbieħa huma mħeġġin li jieħdu parir finanzjarju indipendenti qabel ma jaċċettaw il-premju.
5.6 Ma nagħmlu l-ebda rappreżentazzjoni u ma nagħtu l-ebda garanzija fir-rigward tal-premjijiet ipprovduti u sal-limitu assolut permess mil-liġi, ma nġorru l-ebda obbligi lejk fir-rigward ta’ kwalunkwe premju, l-idonjetà tiegħu bħala għan, merkantabilità jew minn xi aspett ieħor. Nirriżervaw id-dritt li niskwalifikaw konkorrenti milli jipparteċipaw fil-Kompetizzjonijiet tagħna jew rebbieħa milli jirċievu l-premjijiet tagħhom jekk tali persuni jaġixxu b’xi mod perikoluż, illegali, antisoċjali jew mhux xieraq.
Sakemm ma jingħadx mod ieħor, l-ebda premju li jingħata ma jkun jinkludi xi partijiet disponibbli bħala għażla (optional), miżjudin jew imtejbin li jmorru lilhinn mill-premju bażiku offrut. Biex jiġi evitat kull ekwivoku, u bħala eżempju biss, l-ispejjeż tat-trasport lejn u minn xi post jew avveniment mhumiex inklużi u l-premjijiet ta’ akkomodazzjoni jinkludu biss it-tariffa bażika tal-kamra.
5.8 Terzi persuni li jipprovdu xi premjijiet jistgħu wkoll ta’ spiss jistipulaw xi termini, kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet u r-rebbieħa kollha ta’ xi premjijiet jaqblu li jintrabtu bihom ukoll.
6. VAGANZI BĦALA PREMJU
6.1 Minħabba l-komplessità tagħhom, għandna ċerti termini speċjali li japplikaw għall-vaganzi mogħtija bħala premju. Dawn huma spjegati f’dan il-paragrafu 6 hawn taħt. Meta l-vaganzi bħala premju jkunu jinkludu post għal xi persuna oħra (jiġifieri vaganza għar-rebbieħ u l-mistieden/mistiedna tiegħu) dawn it-termini japplikaw ukoll għal tali persuni. Inti għandek ir-responsabbiltà esklussiva li tiżgura li int (u lil min tistieden, jekk ikun il-każ) tkun f’qagħda li tkunu konformi mal-liġijiet dwar l-għotja tat-tagħrif, validità tal-passaport u kriterji regolatorji speċifikati oħrajn meħtieġa għad-destinazzjoni kif ukoll għal dawn it-termini u kundizzjonijiet.
6.2 Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor, l-assigurazzjoni ma tkunx ipprovduta bħala parti minn xi vaganza bħala premju. Tkun ir-responsabbiltà ta’ kull rebbieħ u (jekk ikun il-każ) ta’ dawk li jakkumpanjawh, li jħallsu għal polza ta' assigurazzjoni (li tkun tinkludi, iżda mhux limitata għalihom biss, assigurazzjoni tas-saħħa u l-ivvjaġġar, assigurazzjoni kontra s-serq, telf u ħsara lill-proprjetà) li jkunu meħtieġa jew li jkun għaqli li jinxtraw. L-assigurazzjoni, il-flus fl-idejn (spending money) u spejjeż oħrajn kollha, sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor, huma spejjeż għar-rebbieħ u ma jkunux inklużi bħala parti mill-btala bħala rigal. Sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor, vaganzi bħala premju jkunu jikkonsistu biss fit-titjiriet u l-akkomodazzjoni.
6.3 Sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor, il-vaganzi bħala premju ma jinkludux it-taxxa tat-tluq mill-ajruport jew it-taxxi imposti mill-gvern. Dawn iridu jitħallsu mir-rebbieħ u l-persuni li jistgħu jakkumpanjawh.
6.4 Ir-rebbieħ u xi persuni li jistgħu jakkumpanjawh irid ikollhom, u jżommu, passaporti validi bil-viżi kollha rilevanti li jkunu validi sa mhux inqas minn sitt (6) xhur mid-data proposta għall-vjaġġ jew xi tul ta’ żmien ieħor li jista’ jiġi stipulat permezz ta’ xi regolament applikabbli. Dawn il-passaporti, u l-persuni li jkunu ħarġu f’isimhom, mgħandhomx ikunu soġġetti għal xi restrizzjonijiet fuq id-dritt li jivvjaġġaw lejn u mill-pajjiż jew pajjiżi applikabbli. L-awtoritajiet interni u dawk li jikkontrollaw il-passaporti jistgħu jirrifjutaw id-dritt tad-dħul lir-rebbieħa u/jew dawk li jakkumpanjawhom fil-vjaġġ. Aħna ma jkollna l-ebda responsabbiltà li niżguraw li inti tkun tista’ tivvjaġġa lejn id-destinazzjoni tal-vaganza u lanqas fir-rigward ta’ xi spejjeż żejda li jkollok tħallas jekk ma titħalliex tidħol.
6.5 Sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor, il-vaganzi bħala premju kollha jridu jittieħdu fi żmien sitt (6) xhur mid-data tal-għeluq tal-Kompetizzjoni rilevanti nkella l-premju jiskadi. Vaganzi bħala premju normalment huma soġġetti wkoll għal termini u kundizzjonijiet speċifiċi stipulati mill-aġenzija tal-vjaġġi li tkun responsabbli mill-arranġamenti tal-ivvjaġġar, u dawn ukoll ikunu japplikaw għar-rebbieħ.
6.6 Hija r-responsabbiltà tar-rebbieħ u kwalunkwe persuna li takkumpanjah (jekk ikun il-każ) li jiċċekkjaw l-avviżi dwar l-ivvjaġġar li jista’ jkun ħareġ il-Gvern u jiddeċiedu jekk ikunux lesti jaċċettaw ir-riskju li jivvjaġġaw lejn il-post tal-vaganza. Aħna ma nkunu responsabbli għall-ebda telf jew ħsara li jġarrab xi rebbieħ u min jakkumpanjah (jekk ikun il-każ) minħabba xi nuqqas tagħhom li jsegwu xi parir dwar l-ivvjaġġar maħruġ mill-Gvern.
6.7 Ir-rebbieħa u l-persuni li jakkumpanjawhom (jekk ikun il-każ) huma responsabbli biex jissodisfaw u josservaw kwalunkwe miżura ta’ prekawzjoni fil-qasam tas-saħħa u jkunu konformi mar-regolamenti dwar is-saħħa li jistgħu jkunu applikabbli fil-pajjiż tad-destinazzjoni tal-vaganza bħala premju.
6.8 Aħna ma nkunu responsabbli għal ebda telf jew dannu li jistgħu jsofru xi rebbieħ jew min jakkumpanjah (jekk ikun il-każ) jekk xi rebbieħ jew min jakkumpanjah (jekk ikun il-każ) ma jsarrfux xi vaganza bħala premju bħala riżultat ta’ xi twissija jew avviż dwar l-ivvjaġġar maħruġ mill-Gvern li jkun applikabbli għall-pajjiż jew pajjiżi ta’ destinazzjoni jew minħabba xi nuqqas li jivvjaġġaw min-naħa tagħhom. B’mod partikolari, ma jkollna l-ebda obbligu li nipprovdu xi premju alternattiv, ekwivalenti fi flus kontanti jew xi kumpens ieħor meta xi rebbieħa u/jew il-persuna li takkumpanjahom (jekk ikun il-każ) jonqsu li jsarrfu xi vaganza bħala premju għal xi raġuni.
6.9 Ir-rebbieħa u l-persuni li jakkumpanjawhom iridu jkunu konformi mat-termini u l-limitazzjonijiet tal-linji tal-ajru, entitajiet tat-trasport oħrajn u l-postijiet involuti fil-provvediment ta’ vaganza bħala premju, inkluża polza ta’ assigurazzjoni relatata mal-vaganza. B’mod partikolari, il-konkorrenti jridu jkunu konformi mal-linji-gwida u l-istruzzjonijiet dwar is-saħħa u sigurtà u d-dispożizzjonijiet legali u regolatorji applikabbli.
7 TAGĦRIF PERSONALI U L-PROTEZZJONI TAD-DATA
7.1 It-tagħrif personali pprovdut mill-konkorrenti meta jidħlu għall-Kompetizzjonijiet jintuża minna skond il-politika ta’ privatezza applikabbli għall-websajt u/jew l-istazzjon tar-radio fejn tidher il-Kompetizzjoni, skond il-każ. Dejjem għandek taqra l-politika ta’ privatezza applikabbli billi l-fatt li inti tidħol għall-Kompetizzjoni rilevanti jfisser li tkun qed taċċetta li tintrabat b'dik il-politika ta' privatezza. Il-konkorrenti kollha jistgħu jikkuntattjawna u jitolbu li l-dettalji dwarhom jitħassru mid-database tagħna. Madankollu, jekk id-dettalji jitneħħew qabel il-konklużjoni tal-Kompetizzjoni u/jew l-għotja tal-premju/premjijiet, il-konkorrenti jitilfu d-dritt li jikklejmjaw il-premjijiet.
7.2 Jekk xi konkorrent jiġi mitlub biex jagħti xi tagħrif dwar xi terza persuna bħala parti mid-dħul jew il-parteċipazzjoni f'xi Kompetizzjoni, kull konkorrent irid jiżgura li kull terza persuna li d-dettalji dwarha jkunu ġew ipprovduti lilna mill-konkorrent tkun tat jew tkun lesta li tagħti l-kunsens biex id-dettalji dwarhom jingħataw lilna u biex jiġu kkuntattjati minna b'konnessjoni mal-Kompetizzjoni rilevanti.
7.3 Marbuta mal-konkorrenza tiegħek fil-Kompetizzjonijiet tagħna, hemm kundizzjoni li aħna jkollna d-dritt li nippubblikaw, inxandru u nikkomunikaw lill-pubbliku l-ismijiet, bliet/irħula ta’ residenza, karattri, xbihat u ilħna tal-konkorrenti fil-Kompetizzjonijiet tagħna għat-tmexxija tal-Kompetizzjonijiet u kwistjonijiet relatati mal-Kompetizzjonijiet.
7.4 Meta inti tidħol għal Kompetizzjoni u tipprovdi tagħrif personali dwarek u tirreġistra magħna fit-taqsimiet rilevanti tal-websajt, int tkun qed taqbel b’mod espliċitu u tagħti permess li t-tagħrif dwarek jiġi pproċessat minna għall-għanijiet, jew b’xi mod ieħor, kif spjegat f’dawn it-termini u kundizzjonijiet.
Dan il-kunsens jingħata bil-kundizzjoni li aħna nkunu konformi mal-prinċipji stipulati fl-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data u kwalunkwe regolament maħruġ bis-saħħa tagħha.
8 TLUGĦ TAX-XORTI
8.1 Meta xi premju jingħata permezz tat-tlugħ tax-xorti għall-premjijiet, ir-rebbieħa jintagħżlu bix-xorti minn fost il-konkorrenzi eliġibbli mhux aktar tard minn tmienja u għoxrin (28) jum mid-data tal-għeluq tal-Kompetizzjoni. It-termini u kundizzjonijiet tal-Kompetizzjoni jistgħu jistipulaw li, qabel ma jingħata l-premju, il-konkorrent magħżul bit-tlugħ tax-xorti jkun obligat li jiffaċċja sfidi oħrajn, inklużi, iżda mhux biss, li jirrispondi xi mistoqsijiet.
8.2 Jekk jirriżultalna li l-istess persuna tkun intgħażlet bħala rebbieħa aktar minn darba, jittella’ isem ieħor.
9 DRITTIJIET FUQ PROPRJETÀ INTELLETTWALI
9.1 Meta jidħlu għall-Kompetizzjonijiet tagħna, il-konkorrenti kollha:
(a) jassenjaw lilna d-drittijiet kollha (inklużi d-dritt tal-awtur fil-preżent u fil-futur) fuq is-sottomissjoni tagħhom u l-materjal ta’ pubbliċità fil-midja kollha (inkluża, mingħajr limitu, l-internet) kemm jekk diġà jeżistu u kemm jekk jinħolqu fil-futur;
(b) Jaqblu li ma jsostnu l-ebda drittijiet morali fir-rigward tas-sottomissjoni tagħhom u l-materjal ta’ pubbliċità (kulfejn u kulmeta tali drittijiet ikunu rikonoxxuti) kontra l-Promutur, l-aġenti tiegħu u persuni liċenzjati minnu u s-suċċessuri tiegħu fit-titlu.
(c) Jiggrantixxu li s-sottomissjoni tagħhom ma tkun tikser l-ebda drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ta’ xi terzi u li ma jkun fiha xejn li jkun defamatorju, indiċenti, ta’ fastidju jew ta’ theddida u li lesti jagħmlu tajjeb għal kull telf, dannu jew obbligu li nistgħu nsofru f’każ li jirriżulta li dan ma jkunx minnu. Jekk ikun il-każ, nirriżervaw id-dritt, iżda mhux l-obbligu (u mingħajr ma nillimitaw il-garanzija u l-indennizz tal-konkorrenti kif spjegat hawn fuq) li niskrinjaw u/jew nimmonitorjaw it-tagħrif provdut mill-konkorrent u li neditjaw, nirrifjutaw li nqassmu jew inħassru tali tagħrif;
(d) Jikkonfermaw li għandhom id-dritt, is-setgħa u l-awtorità li jassenjaw id-drittijiet kif imsemmija hawn fuq u li jkunu kisbu kull kunsens u permess meħtieġ biex jassenjaw tali drittijiet lilna.
9.2 Biex jiġi evitat kull ekwivoku, id-drittijiet kollha fuq l-isem u t-titlu tal-Kompetizzjoni u d-drittijiet fuq il-format tal-Kompetizzjoni huma l-proprjetà esklussiva tagħna u l-użu tagħhom huwa fid-diskrezzjoni assoluta tagħna.
10 PERSUNI MINURI
10.1 Jista’ jagħti l-każ li jkollna kompetizzjonijiet immirati lejn persuni ta’ taħt is-16-il sena (minn hawn 'il quddiem imsejħa “żgħażagħ”). F’kull ċirkostanza, l-RTK jiżgura li ż-żgħażagħ ikunu mħarsa f’kull ħin u f’dan niżguraw li f’tali kompetizzjoni l-ħila meħtieġa tkun ta’ livell xieraq għall-età tal-konkorrenti li aktarx jieħdu sehem u li l-valur tal-premjijiet u l-possibbiltà ta’ rebħ ma jkunux esaġerati. Iż-żgħażagħ li jkunu jixtiequ jipparteċipaw f’tali kompetizzjonijiet ma jkunux obbligati jipprovdu prova li xtraw xi ħaġa (proof of purchase).
10.2 Jekk xi rebbieħ ikun persuna minuri (jiġifieri ta’ taħt it-18-il sena) nistgħu nesiġu li t-termini u l-kundizzjonijiet applikabbli għall-kompetizzjoni (inklużi dawn it-Termini Ġenerali) jiġu ffirmati mill-ġenituri jew il-kustodji tar-rebbieħ qabel ma jiġi kkonsenjat il-premju.
Tali premju jista’ fid-diskrezzjoni tagħna, jingħata lill-ġenituri jew lill-kustodji tar-rebbieħ.
10.3 Vaganzi bħala premju ma jingħatawx lil persuni ta' taħt it-18-il sena mingħajr il-kunsens bil-miktub ta' xi ġenitur jew kustodju u sakemm ma jkunux akkumpanjati minn ġenitur jew kustodju.
10.4 Meta nitolbu lill-konkorrenti jew lir-rebbieħa jiffirmaw xi awtorizzazzjoni jew xi dokument ieħor qabel ma jieħdu sehem f’xi Kompetizzjoni u/jew isarrfu xi premju u l-konkorrent u/jew rebbieħ ikollu inqas minn 18-il sena, dan id-dokument irid jiġi ffirmat minn ġenitur jew kustodju ta’ dik il-persuna qabel ma jieħdu sehem fil-Kompetizzjoni u/jew jingħataw il-premju.
11 TBGĦABIS U AFFARIJIET OĦRAJN
11.1 Jekk, għal xi raġuni, xi Kompetizzjoni ma tkunx tista’ titmexxa kif ippjanat bħala riżultat (li jinkludi, iżda mhux limitat għal) difetti tekniċi, interventi mhux awtorizzati, virus tal-kompjuter, falliment fin-netwerk ċellulari, tbagħbis, frodi jew xi kawża oħra li mhux taħt il-kontroll tagħna li tikkorrompi jew taffettwa l-amministrazzjoni, is-sigurtà, l-ekwità jew it-tmexxija xierqa ta’ xi Kompetizzjoni, nirriżervaw id-dritt li nikkanċellaw, intemmu, nimmodifikaw jew nissospendu l-Kompetizzjoni u/jew kwalunkwe tlugħ tax-xorti jew iġġudikar relatat mal-Kompetizzjoni u/jew li niskwalifikaw lil kull individwu li (direttament jew indirettament) jikkawża (jew ikun ikkawża) l-problema.
12 FRANK (LEAVE) GĦALL-PARTEĊIPAZZJONI
Kull konkorrent għandu r-responsabbiltà esklussiva u assoluta li jikseb il-frank mix-xogħol u/jew l-istudju biex jieħu seħem f’xi Kompetizzjoni jew jirċievi xi premju.
13 TERMINAZZJONI TA’ KOMPETIZZJONI U SKWALIFIKA TA’ KONKORRENTI
13.1 Il-Promutur jista’ jvarja t-termini ta’ xi Kompetizzjoni jew iwaqqafha f’kull ħin fid-diskrezzjoni assoluta tiegħu mingħajr l-ebda responsabbiltà lejn xi konkorrent jew xi persuna oħra. Il-Promutur ma jagħtix il-premjijiet jekk il-Kompetizzjoni tkun ġiet imwaqqfa.
13.2 Nirriżervaw id-dritt li niskwalifikaw kwalunkwe konkorrent jekk ikollna indikazzjonijiet raġonevoli li l-konkorrent ikun kiser xi wieħed mit-Termini Ġenerali, xi wieħed mir-Regoli Speċifiċi jew xi termini u kundizzjonijiet oħrajn li japplikaw għal dik il-Kompetizzjoni. Barra minn hekk, konkorrenti li jkunu maledukati, abużivi jew b’xi mod ieħor meqjusin mhux xierqa mill-Promutur jiġu esklużi mill-Kompetizzjoni rilevanti.
13.3 Barra minn hekk, nirriżervaw ukoll id-dritt li nirrifjutaw sottomissjonijiet, applikazzjonijiet jew klejms u li nemendaw jew inwaqqfu xi Kompetizzjoni mingħajr avviż minn qabel fid-diskrezzjoni assoluta tagħna.
14 DEĊIŻJONIJIET FINALI
14.1 Id-deċiżjonijiet kollha li nieħdu fir-rigward tal-Kompetizzjoni u/jew it-tisrif tal-premjijiet ikunu finali.
14.2 Proċeduri f’każ ta’ parità (tiebreakers), tilwim, kunflitti, mistoqsijiet jew tħassir jiġu ġestiti minna u, jekk ikun mitlub mil-liġi, minn arbitru indipendenti.
14.3 Meta l-Kompetizzjoni tkun tinvolvi xi votazzjoni, l-eżattezza tar-riżultat kombinat riċevut u ppubblikat minna jkun finali u jorbot.
15 NUQQASA TA’ INFURZAR TA’ XI TERMINI U KUNDIZZJONIJIET
L-ebda nuqqas minn-naħa tagħna li ninfurzaw xi wieħed mit-termini u kundizzjonijiet f’xi istanza jew istanzi ma jista’ jwassal għal xi klejm jew azzjoni minn xi konkorrent jew rebbieħ, u lanqas ma jista’ jitqies bħala rinunzja ta’ xi wieħed mid-drittijiet tagħna f'dan ir-rigward.
16 ESKLUŻJONI TAR-RESPONSABBILTÀ
16.1 Ħlief għal kif hawn speċifikament spjegat f’dan id-dokument, u sal-limitu massimu permess mil-liġi, il-kundizzjonijiet, garanziji u rappreżentazzjonijiet espressi jew implikati mil-liġi huma, b’dan, esklużi.
16.2 Sal-limitu massimu permess mil-liġi, b’dan neskludu u ma jkollna l-ebda responsabbiltà lejn xi konkorrent jew rebbieħ b'konnessjoni ma’, jew li jirriżulta minn xi Kompetizzjoni, tkun xi tkun il-kawża, inklużi spejjeż, premjijiet mitlufin, danni jew responsabbiltajiet oħrajn, bil-kundizzjoni li xejn minn dan ma jillimita jew jeskludi r-responsabbiltà tagħna f'każ ta' korriment personali jew mewt kawża ta' negliġenza min-naħa tagħna. Biex jiġi evitat kull ekwivoku, dan il-paragrafu 16.2 japplika wkoll fir-rigward ta’ premju pprovdut minn terza persuna.
16.3 F’każ li xi dispożizzjoni ta’ dawn it-Termini Ġenerali jew ta’ xi Regoli Speċifiċi tiġi meqjusa li hija illegali, invalida, nulla jew li ma tistax tiġi infurzata, din għandha tinqata' minn mad-dispożizzjonijiet li jibqa’ li ma jitilfu xejn mis-saħħa u l-effett tagħhom.
16.4 Ma naċċetaw l-ebda responsabbiltà għal kwalunkwe dannu, telf, ħsara jew diżappunt li jista’ jsofri xi konkorrent minħabba li jidħol għal xi Kompetizzjoni, ma jkunx jista’ jidħol jew bħala riżultat li jaċċetta xi premju tal-Kompetizzjoni. Lanqas ma naċċettaw xi responsabbiltà għall-ebda problemi jew difetti tekniċi ta’ xi netwerk jew linji tat-telefown, sistema tal-kompjuter onlajn, servers jew providers, tagħmir tal-kompjuter, falliment tas-softwer jew ta’ xi posta elettronika li ma tasalx minħabba problemi tekniċi jew konġestjoni tat-traffiku fuq l-internet, linji tat-telefown jew fuq xi websajt, jew xi kombinament ta’ dawn il-fatturi, inklużi ħsara jew danni fil-kompjuter jew fit-telefown ċellulari tal-konkorrent jew ta’ xi persuna oħra relatati ma’ jew li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni f'xi Kompetizzjoni jew minħabba li jniżżlu xi materjal relatat.
17 LIĠIJIET
Dawn it-Termini Ġenerali (u kwalunkwe Termini Speċifiċi) għandhom jiġu interpretati skond il-liġijiet ta’ Malta u rregolati minnhom. Kull konflitt, kontroversja jew klejm li tirriżulta mit-Termini Ġenerali jew mit-Termini Speċifiċi jew b’konnessjoni magħhom għandhom jiġi ttrattati permezz ta’ referenza għall-arbitraġġ skond l-Att dwar l-Arbitraġġ ta’ Malta.
|